Għaliex l-UFI huwa importanti

Tifel żgħir iħares lejn flixkun tad-deterġent

Għaliex jeħtieġ tkun taf dwar il-kodiċi tal-UFI?

Jekk inti, jew wieħed mill-membri tal-familja tiegħek, aċċidentalment jiġi espost għal prodott li jkun fih sustanzi kimiċi perikolużi, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ewwel punt ta’ kuntatt tiegħek se jkun jew ċentru għal kontra l-velenu jew is-servizzi tas-saħħa ta’ emerġenza.

Fis-snin preċedenti, iċ-ċentri għal kontra l-velenu stmaw li f’40 % tat-telefonati li rċevew, kellhom diffikultajiet biex jidentifikaw malajr u b’mod preċiż il-prodott involut, li wassal għal trattament kawt iżżejjed.

Għalhekk, minn Jannar 2021 ’il quddiem, meta titlob parir mediku fl-UE, tista’ tintalab il-kodiċi tal-UFI li tista’ ssib fuq it-tikketta ta’ ċerti prodotti kimiċi ta’ kuljum.

L-idea tal-kodiċi tal-UFI hija sempliċi. Dan huwa identifikatur uniku tal-formula b’16-il karattru li joħloq rabta bejn l-informazzjoni dwar il-prodott, l-użi, l-ingredjenti u t-tossiċità tiegħu. Li jkollok il-kodiċi disponibbli jagħmilha aktar faċli u aktar veloċi għall-operaturi taċ-ċentri għal kontra l-velenu biex jagħtu parir lilek jew lit-tabib tiegħek dwar it-trattament korrett, jekk ikun il-każ.

Liema prodotti għandhom kodiċi tal-UFI

Liema prodotti għandhom kodiċi tal-UFI?

Il-kodiċi tal-UFI jinstab fuq prodotti li huma kklassifikati minħabba perikli għas-saħħa jew fiżiċi skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ. Il-prodotti kklassifikati huma dawk li juru pittogramma u jistgħu jkunu ta’ ħsara għal saħħtek jekk ma jintużawx b’mod korrett.

Eżempji ta’ tipi ta’ prodotti fejn tista’ tistenna li tara kodiċi tal-UFI jinkludu:

  • Adeżivi bħal stikek tal-kolla komuni jew adeżivi aktar speċjalizzati għall-kisi tal-ħitan jew għall-pavimenti;
  • Prodotti għall-kura tal-arja minn deodorizzanti tal-kmamar sa xemgħat bil-fwieħa;
  • Provvisti tal-arti u tal-artiġjanat inkluża ż-żebgħa tas-swaba’ jew tal-passatempi;
  • Prodotti ta’ tindif u manutenzjoni kemm għal żoni fuq ġewwa, bħall-kċina jew il-kamra tal-banju, kif ukoll għal żoni fuq barra bħal terrazzini jew mogħdijiet tal-ġebel.
  • Prodotti tat-tindif speċjalizzat inklużi dawk maħsubin għat-tindif tal-karozzi jew ta’ xedd is-saqajn;
  • Deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, aġenti tal-kura tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew tal-magni tal-ħasil tal-platti, kif ukoll prodotti li jrattbu d-drappijiet;
  • Taħlitiet għas-sigaretti elettroniċi;
  • Sustanzi kimiċi tal-ġnien bħal fertilizzanti tal-pjanti u pestiċidi;
  • Prodotti għall-kostruzzjoni tad-dar bħall-konkrit u t-tajn;
  • Żebgħa u kisi;
  • Fjuwils bħal fluwidi tal-lajters tal-grilja u fjuwils tal-lampi; u
  • Linka u toners għall-istampaturi.

Jekk ma tistax issib il-kodiċi tal-UFI, dan jista’ jkun minħabba li l-kumpaniji għandhom sal-bidu tal-2025 biex iżiduh mat-tikketti jekk il-prodott tagħhom kien diġà fis-suq qabel l-2021.

Barra minn hekk, mhux se ssib il-kodiċi tal-UFI wkoll, pereżempju, fuq tikketti għal kożmetiċi bħal żebgħa tax-xagħar, xampù jew sprej tax-xagħar, jew fi prodotti farmaċewtiċi, peress li dawn huma rregolati minn liġijiet differenti.

UFI animation

 

Fejn jinstab l-UFI

Fejn jinstab l-UFI fuq it-tikketta?

L-imballaġġ jiġi f’kull għamla u daqs. Dan ifisser li l-UFI mhux dejjem se jkun fl-istess post eżatt fuq it-tikketta ta’ kull prodott. Madankollu, għandu dejjem ikun viżibbli b’mod ċar fuq il-prodott qrib l-isem kummerċjali jew tad-ditta tiegħu, jew qrib it-tagħrif dwar il-periklu li jinkludi, pereżempju, pittogrammi u pariri dwar kif il-prodott jintuża b'mod sikur.

L-UFI jista’ saħansitra jidher direttament fuq il-prodott jew fuq stiker iżda, fi kwalunkwe każ, l-UFI qatt ma għandu jidher fuq in-naħa t’isfel tal-pakkett.

UFI matters - related links