Għalfejn l-UFI huwa importanti għal kulħadd - Poisoncentres
Liema prodotti għandhom kodiċi tal-UFI?
Il-kodiċi tal-UFI jinstab fuq prodotti li huma kklassifikati minħabba perikli għas-saħħa jew fiżiċi skont ir-Regolament tal-UE dwar il-Klassifikazzjoni, l-Ittikkettar u l-Imballaġġ. Il-prodotti kklassifikati huma dawk li juru pittogramma u jistgħu jkunu ta’ ħsara għal saħħtek jekk ma jintużawx b’mod korrett.
Eżempji ta’ tipi ta’ prodotti fejn tista’ tistenna li tara kodiċi tal-UFI jinkludu:
- Adeżivi bħal stikek tal-kolla komuni jew adeżivi aktar speċjalizzati għall-kisi tal-ħitan jew għall-pavimenti;
- Prodotti għall-kura tal-arja minn deodorizzanti tal-kmamar sa xemgħat bil-fwieħa;
- Provvisti tal-arti u tal-artiġjanat inkluża ż-żebgħa tas-swaba’ jew tal-passatempi;
- Prodotti ta’ tindif u manutenzjoni kemm għal żoni fuq ġewwa, bħall-kċina jew il-kamra tal-banju, kif ukoll għal żoni fuq barra bħal terrazzini jew mogħdijiet tal-ġebel.
- Prodotti tat-tindif speċjalizzat inklużi dawk maħsubin għat-tindif tal-karozzi jew ta’ xedd is-saqajn;
- Deterġenti għall-ħasil tal-ħwejjeġ, aġenti tal-kura tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew tal-magni tal-ħasil tal-platti, kif ukoll prodotti li jrattbu d-drappijiet;
- Taħlitiet għas-sigaretti elettroniċi;
- Sustanzi kimiċi tal-ġnien bħal fertilizzanti tal-pjanti u pestiċidi;
- Prodotti għall-kostruzzjoni tad-dar bħall-konkrit u t-tajn;
- Żebgħa u kisi;
- Fjuwils bħal fluwidi tal-lajters tal-grilja u fjuwils tal-lampi; u
- Linka u toners għall-istampaturi.
Jekk ma tistax issib il-kodiċi tal-UFI, dan jista’ jkun minħabba li l-kumpaniji għandhom sal-bidu tal-2025 biex iżiduh mat-tikketti jekk il-prodott tagħhom kien diġà fis-suq qabel l-2021.
Barra minn hekk, mhux se ssib il-kodiċi tal-UFI wkoll, pereżempju, fuq tikketti għal kożmetiċi bħal żebgħa tax-xagħar, xampù jew sprej tax-xagħar, jew fi prodotti farmaċewtiċi, peress li dawn huma rregolati minn liġijiet differenti.