Adatta d-data tiegħek

Adatta d-<i>data</i> tiegħek

Jeħtieġ li twettaq numru ta’ kompiti oħra sabiex ikollok disponibbli l-informazzjoni kollha meħtieġa u biex tkun tista’ tissottomettiha għal użu effettiv miċ-ċentri għal kontra l-velenu.

Ivverifika l-formulazzjoni u l-komponenti tat-taħlitiet kollha tiegħek li jiġu affettwati mill-obbligi tiegħek. Ibda assenja konċentrazzjonijiet preċiżi jew firxiet tal-konċentrazzjoni xierqa filwaqt li tiddistingwi bejn komponenti ta’ tħassib serju u komponenti oħra. Ara “Dikjarazzjoni tal-konċentrazzjonijiet skont l-Anness VIII għar-Regolament CLP” għal aktar informazzjoni dwar kif tipprovdi konċentrazzjonijiet tal-komponenti.

Hemm xi eċċezzjonijiet għall-fwejjaħ li għalihom ma għandekx għalfejn tipprovdi informazzjoni dwar il-konċentrazzjoni. L-eċċezzjoni tista’ tiġi applikata jekk il-komponenti ma jkunux ikklassifikati jew ikunu kklassifikati biss għas-sensitizzazzjoni tal-ġilda jew it-tossiċità mill-aspirazzjoni u l-konċentrazzjoni totali tagħhom ma taqbiżx il-5 %.

Barra minn hekk, identifikaturi tal-komponenti ġeneriċi (GCI), jistgħu jintużaw biex jidentifikaw komponenti ta’ taħlita, jekk jintużaw esklussivament bħala fwieħa jew sustanza kuluranti fit-taħlita. Dan huwa possibbli biss jekk ma jkunux ikklassifikati bħala perikolużi għas-saħħa tal-bniedem u l-konċentrazzjoni totali tagħhom ma taqbiżx il-5 % għall-fwejjaħ jew il-25 % għas-sustanzi kuluranti.

Lista ta’ Formuli Standard (li jispeċifikaw l-identità u l-konċentrazzjonijiet ta’ komponenti speċifiċi) ġiet introdotta fl-Anness VIII u limitata għal prodotti tas-siment, tal-ġipsum u tal-konkrit. Taħlitiet li jikkonformaw ma’ waħda minn dawn il-Formuli Standard ma għandhomx għalfejn jikkonformaw mar-rekwiżiti standard fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni.

F’xi każijiet mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni preċiża tat-taħlita minħabba bidla mhux prevista fil-komponenti, iżda mingħajr tibdil fir-rigward tal-klassifikazzjoni, tal-periklu jew tar-reazzjoni ta’ emerġenza relatata mas-saħħa eż. meta komponent li jkun tossikoloġikament simili iżda mhux preċiżament l-istess, jinxtara mingħand fornituri differenti. Jekk il-komponenti jissodisfaw il-kriterji speċifiċi definiti fl-Anness VIII (it-Taqsima 3.5 tal-Parti B), dawn jistgħu jinġabru fi Grupp ta’ Komponenti Interkambjabbli.

Jeżistu eċċezzjonijiet oħra fir-rigward tar-rappurtar tal-kompożizzjoni għal ċerti fjuwils, jiġifieri dawk elenkati fit-Tabella 3 tal-Anness VIII. Dawn il-fjuwils jistgħu jiġu rrappurtati skont l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà li telenka wkoll kwalunkwe komponent magħruf ieħor.

Taħlitiet f’taħlitiet

Ġie stabbilit sett separat ta’ regoli għal taħlitiet inkorporati f’taħlitiet oħra, jiġifieri taħlitiet f’taħlitiet (MiMs). L-informazzjoni dwar sustanzi li jinsabu fil-MiMs użati fit-taħlita finali għandha tiġi pprovduta bl-istess mod għal sustanzi ta’ komponenti oħra tat-taħlita finali. Il-kisba ta’ din l-informazzjoni tista’ tirrikjedi żieda fil-komunikazzjoni fil-katina tal-provvista, peress li, f’ħafna mill-każijiet, l-informazzjoni tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà ma tkunx biżżejjed.

Jekk l-informazzjoni tal-kompożizzjoni tal-MiM ma tkunx disponibbli, tista’ tuża l-UFI tal-MiM ipprovdut mill-fornitur tiegħek flimkien mal-informazzjoni dwar il-komponenti magħrufa fis-sottomissjoni tiegħek. Għandek tiżgura li l-fornitur tiegħek ikun inkluda dan l-UFI f’sottomissjoni lill-korp maħtur rilevanti.

Jekk l-UFI jkun assenti, jew ma jkunx ġie nnotifikat lill-Korp Maħtur rilevanti, l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni disponibbli mill-iskeda ta’ data ta’ sigurtà tal-MiM tista’ tintuża flimkien mal-isem u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-fornitur tal-UE, iżda dan għandu jsir biss bħala l-aħħar alternattiva.

Informazzjoni tossikoloġika

Informazzjoni tossikoloġika dwar il-MiM se jkun meħtieġ li tiddaħħal bħala test liberu u għalhekk ma tistax tiġi tradotta awtomatikament f’lingwi oħra tal-UE bl-istess mod bħall-informazzjoni strutturata kollha. Għal dan il-għan, irrieżamina l-kwalità tal-informazzjoni fit-Taqsima 11 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà minħabba li jista’ jkun li tkun teħtieġ li testratta u tibdel l-informazzjoni rilevanti biex tiżgura li ċ-ċentri għal kontra l-velenu jkunu jistgħu jaċċessawha faċilment waqt emerġenzi. Pereżempju, l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi kontroreferenzi għal taqsimiet oħra tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

Minħabba li l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà mhijiex rekwiżit ta’ informazzjoni, id-data kollha għandha tiġi pprovduta direttament fil-format PCN, mhux bħala dokumenti mehmuża.

Identifikatur uniku tal-formula (UFI)

Kun lest biex tipprovdi UFIs lill-klijenti tiegħek u biex titlob UFIs mill-fornituri tiegħek. Fil-każ ta’ MiM, tista’ tipprovdi l-UFI lill-formulatur downstream tiegħek, bħalma tista’ tirċievi UFI mill-fornitur upstream tiegħek. Dan jgħin biex tipproteġi informazzjoni kummerċjali riżervata, peress li ma tiġi ddivulgata l-ebda informazzjoni dwar il-kompożizzjoni sħiħa tal-MiM. Se jkun possibbli li l-UFIs jintużaw b’dan il-mod ukoll għal

taħlitiet mhux perikolużi u taħlitiet ikklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent biss.

Innota li qabel UFI jiġi kkomunikat fil-katina tal-provvista minflok informazzjoni ta’ kompożizzjoni, l-UFI irid diġà jkun magħruf miċ-ċentri għal kontra l-velenu bħala parti minn sottomissjoni.

Informazzjoni addizzjonali dwar il-prodott

Stabbilixxi s-sistema tal-ġestjoni ta’ data tiegħek billi tiġbor jew timmappja informazzjoni addizzjonali dwar il-prodott li hija meħteġa għas-sottomissjoni li tista’ tkun ġdida għalik. Pereżempju:

  • Il-kategorija ta’ prodott hija waħda mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni ġodda. Il-kategorija ta’ prodott hija bbażata fuq l-użu maħsub ewlieni tal-prodott. Dan jeħtieġ li jiġi indikat skont is-sistema Ewropea tal-kategorizzazzjoni ta’ prodott (EuPCS) armonizzata, sistema li tinkludi madwar 250 kategorija. Kemm l-EuPCS innifisha kif ukoll gwida prattika huma disponibbli biex jgħinuk tagħżel il-kategoriji ta’ prodott xierqa għat-taħlitiet tiegħek.
  • L-informazzjoni dwar il-kulur, filwaqt li hija relattivament sempliċi, tista’ tirrikjedi mmappjar bejn id-deskrizzjonijiet tal-kulur użati mill-kumpanija tiegħek u l-14-il kulur disponibbli fil-format PCN. Din l-informazzjoni trid tkun utli għal reazzjoni ta’ emerġenza u b’mod realistiku tirrifletti l-kuluri li tkun tista’ tiddeskrivi persuna li tikkuntattja ċentru għal kontra l-velenu.
  • Għall-prodotti li jintużaw mill-konsumaturi u mill-professjonisti, l-informazzjoni dwar l-imballaġġ tista’ tirrikjedi wkoll xi xogħol fil-livell tal-kumpanija. Lista ta’ sett ta’ tipi u daqsijiet ta’ imballaġġi differenti hija disponibbli għall-għażla fil-format PCN. Firxiet mhumiex permessi fin-notifika.

Adapt your data - step 6