Iġġenera l-UFIs tiegħek

Stadju 4 – Iġġenera l-UFIs tiegħek

L-identifikatur uniku tal-formula (UFI) huwa kodiċi uniku li se jkun meħtieġ kemm fis-sottomissjoni tal-informazzjoni kif ukoll fuq it-tikketta, jew f’xi każijiet l-imballaġġ tal-prodotti li fihom taħlita perikoluża.

Flimkien mal-isem kummerċjali ta’ prodott, l-UFI jippermetti liċ-ċentru għal kontra l-velenu jidentifika b’mod preċiż kemm il-prodott involut f’inċident ta’ avvelenament kif ukoll il-kompożizzjoni tat-taħlita f’dak il-prodott.

L-UFI fuq it-tikketta jew l-imballaġġ irid jiġi preċedut mill-akronimu “UFI”: sabiex jgħin biex il-kodiċi jingħaraf minn identifikaturi oħra. F’każijiet fejn il-prodotti ma jkunux ippakkjati, jew bħala alternattiva għat-tikketta għall-prodotti użati f’siti industrijali, l-UFI jeħtieġ li jkun disponibbli fit-Taqsima 1.1 tal-iskeda ta’ data ta’ sigurtà.

Il-kundizzjoni għall-għoti ta’ UFI, hija li l-prodotti kollha ttikkettati bl-istess UFI jeħtieġ li jikkondividu l-istess kompożizzjoni tat-taħlita.

L-UFIs jistgħu jiġu assenjati b’għadd ta’ modi. Normalment jintużaw approċċi li jiffukaw fuq it-taħlita u fuq il-prodott, iżda huwa possibbli li jintużaw approċċi oħra, pereżempju, dawk ibbażati fuq is-suq, il-lingwa jew l-aspetti tat-tikkettar.

Approċċ li jiffoka fuq it-taħlita, fejn tista’ tassenja UFI għal kull taħlita, irrispettivament minn kemm prodotti fihom dik it-taħlita.

Innota li mhux il-prodotti kollha li jkun fihom l-istess taħlita jiġu ttikkettati bl-istess UFI.

Industry steps 4-1 illustration

Iġġenera l-UFIs tiegħek -2

Approċċ iffukat fuq il-prodott, fejn tista’ talloka UFI għal kull prodott, anke jekk għandhom l-istess kompożizzjoni tat-taħlita. Innota li l-istess taħlita se jkollha diversi UFIs.

Industry steps 4-2 illustration

Iġġenera l-UFIs tiegħek - ġestjoni

Il-ġestjoni tal-UFIs

Il-ġestjoni tal-UFIs hija r-responsabbiltà tal-kumpanija. Aktarx li l-kumpanija tiegħek diġà tuża kodiċijiet ta’ formulazzjoni interni. Jekk dawn ikunu numeriċi biss – bejn 0 u 268 435 255 – tista’ tużahom direttament biex tiġġenera l-UFIs. F’każijiet oħra, l-ewwel se jkollok tassenja numru ta’ formulazzjoni ġdid għat-taħlitiet tiegħek. Huwa essenzjali li ma tużax mill-ġdid l-istess numru ta’ formulazzjoni meta t-taħlitiet ikollhom kompożizzjonijiet differenti.

L-għodda tal-Ġeneratur tal-UFI hija diġà disponibbli bil-lingwa tiegħek. Sabiex toħloq UFI, teħtieġ:

  • in-numru tal-VAT tal-kumpanija tiegħek; u
  • numru ta’ formulazzjoni speċifiku għat-taħlita.

Jekk inti tiġġestixxi portafoll kbir ta’ prodotti, jista’ jkun li tkun trid tiżviluppa l-ġeneratur tiegħek stess fis-sistema tal-IT tal-kumpanija tiegħek biex toħloq ammont kbir ta’ UFIs b’mod aktar effiċjenti. Sabiex tagħmel dan, jeħtieġ li tikkonsulta l-manwal tal-iżviluppatur tal-UFIs.

UFI ġdid u tikketta ġdida huma meħtieġa kull darba:

  • li jiżdied, jiġi sostitwit jew imħassar komponent ta’ taħlita;
  • jinbidlu l-konċentrazzjonijiet tal-komponent lil hinn mill-varjazzjonijiet permessi;
  • il-fornitur jibdel l-UFI ta’ “taħlita f’taħlita”.

Iż-żmien meta ssir l-inklużjoni tal-UFI fuq it-tikketta jeħtieġ ippjanar biex ikun jaqbel mal-iskeda tal-kumpanija. Fil-każijiet kollha, l-UFI jeħtieġ li jiġi inkluż bħala parti mit-tikkettar tal-prodott (jew SDS f’ċerti każijiet), biex jikkoinċidi mas-sottomissjoni tal-informazzjoni. Dan jiżgura li dejjem ikun hemm link għall-informazzjoni dwar it-taħlita f’każ ta’ inċident ta’ emerġenza.

Għall-prodotti li ġew innotifikati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u li diġà jinsabu fis-suq, it-tikkettar mill-ġdid tal-prodotti mal-UFI jeħtieġ li jiġi ppjanat minn qabel. Jekk ma jkun hemm l-ebda bidla fit-taħlita tiegħek qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tista’ tagħżel li tinnotifika skont ir-regoli l-ġodda fi kwalunkwe punt sal-2025 u huwa rrakkomandat ħafna li tittikketta mill-ġdid il-prodott tiegħek mal-UFI skont dan, biex tikkoinċidi mas-sottomissjoni tal-informazzjoni.

Mhuwiex irrakkomandat li tinkludi l-UFI fuq it-tikketta tal-prodott tiegħek mingħajr sottomissjoni ta’ akkumpanjament lill-korpi maħtura peress li dan joħloq UFI “vojt”. UFIs vojta jistgħu joħolqu problemi, pereżempju, mal-utent downstream tiegħek li jista’ juża t-taħlita tiegħek bħala taħlita f’taħlita (MiM) u jrid jiġi infurmat li l-informazzjoni dwar dik il-MiM għadha ma ġietx sottomessa. Barra minn hekk, jekk UFI jkun “vojt”, iċ-ċentri għal kontra l-velenu ma jkunux jistgħu jistabbilixxu link għall-informazzjoni dwar it-taħlita f’każ ta’ emerġenza.

Tools - Generate your UFIs

Generate your UFIs - step 5